Nintroduċu il-Ġonna

Il-ġonna tal-Argotti, ta’ San Filippu, tal-Mall, ta’ Sa Maison u tal-Milorda, li kollha jinsabu fil-Furjana, huma ġonna storiċi li nbnew bejn is-seklu 15 u s-seklu 19. Dawn il-ġonna huma ta’ interess storiku kif ukoll botaniku kbir, minħabba d-diversi speċijiet ta’ pjanti li tħawlu fil-ġonna matul iż-żminijiet, il-preżenza ta’ siġar antiki sew u l-preżenza ta’ teżori storiċi u arkitettoniċi, inklużi għadd ta’ funtani. Il-ġonna huma wkoll ta’ interess militari minħabba li jinsabu matul is-swar militari li jifformaw il-linji tal-Furjana jew inkella l-glacis.

Flimkien mal-Pinetum, dawn il-ġonna jifformaw spazju aħdar importanti, kull wieħed bis-sett ta’ kundizzjonijiet ambjentali tiegħu stess. Il-ħolqien ta’ network tal-Ġonna Botaniċi għandu jinvolvi l-interkonnessjoni ta’ dawn il-ġonna sabiex jifformaw żoni fejn il-viżitaturi jkunu jistgħu japprezzaw id-diversità tal-ħajja tal-pjanti u l-ħabitats differenti li jirrappreżentaw. Kull ġnien għalhekk għandu jkun fih speċijiet differenti ta’ pjanti minn żoni differenti fid-dinja, biex b’hekk tinħoloq kollezzjoni botanika varjata.

Il-Ġnien tal-Argotti inizjalment kien inħoloq bħala ġnien privat għall-Gran Mastru Pinto. Sar ġnien botaniku fl-1805. Illum dan il-ġnien fih speċijiet differenti ta’ siġar li joriġinaw minn pajjiżi differenti tad-dinja, bħal Draceana draco mill-Gżejjer Kanarji, Cabo Verde, il-Madeira u l-Marokk tal-Punent jew Argania spinosa mill-Marokk tal-Lbiċ u l-Alġerija tal-Lbiċ. F’dan il-ġnien bħalissa qed jitħawlu speċijiet differenti ta’ pjanti li joriġinaw minn reġjuni differenti tad-dinja biex jinħoloq ġnien evoluzzjonarju. Il-pjanti għandhom jitħawlu skont il-familja tal-pjanti tagħhom biex juru kif il-pjanti evolvew maż-żminijiet. Il-viżitaturi għalhekk se jkunu jistgħu jitgħallmu dwar l-evoluzzjoni tal-pjanti u d-diversità tal-pjanti, filwaqt li jgawdu l-atmosfera ta’ paċi tal-ġnien, flimkien ma’ karatteristiċi estetikament pjaċevoli, bħall-għadd ġmielu ta’ funtani li fihom pjanti akkwatiċi. Kompli Aqra

Il-Mall jew Ġnien Maglio nbena mill-Gran Mastru Lascaris fl-1656, bħala spazju rikreattiv għall-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan kien iddeżinjat bħala ġnien botaniku minn Sir Alexander Ball fl-1805, u aktar tard sar ġnien pubbliku. Illum, dan il-ġnien fih diversi monumenti u funtani u huwa kkaratterizzat minn siġar maturi li jappartjenu għal speċijiet differenti interessanti, bħal Tipuana tipu, li toriġina mill-Amerka t’Isfel jew Kigelia africana, li toriġina mill-Afrika tropikali. F’dan il-ġnien bħalissa qed jitħawlu diversi pjanti tal-fjuri li huma attraenti ferm għal insetti li jdakkru, bħal naħal, friefet, baħrijiet u xi speċi ta’ dubbien. Il-ġnien għalhekk se jiġi kkonvertit fi ġnien għad-dakkara. Il-viżitaturi għandhom jitgħallmu dwar l-importanza tad-dakkara fil-ħajja ta’ kujum tagħna, ir-riskji u t-theddid li qed jipperikolaw il-ħajjiet ta’ dawn il-gruppi ta’ insetti importanti u jitgħallmu wkoll japprezzaw u jammiraw id-diversità tal-pjanti tal-fjuri u s-sbuħija tal-fjuri tagħhom. Kompli Aqra

Ġnien San Filippu jew il-Ġnien tal-Ġeneral inbena maġenb is-Sur ta’ San Filippu mill-Gran Mastru Lascaris. Il-ġnien hu maqsum fuq żewġ livelli u jista’ jiġi aċċessat minn foss u permezz ta’ bieb li jitħaddem b’mekkaniżmu b’katina, magħruf ukoll bħala Sally Port. Il-livell t’isfel jinkludi ort taċ-ċitru u fih varjetajiet differenti ta’ frott taċ-ċitru. Il-livell ta’ fuq huwa kkaratterizzat minn għadd ta’ siġar maturi li jappartjenu għal speċijiet differenti ta’ pjanti minn madwar id-dinja u fiċ-ċentru tiegħu hemm funtana impressjonanti ċentrali fuq tliet livelli, magħrufa bħala l-Funtana ta’ Wignacourt, li nbniet fl-1615 u kienet tinsab oriġinarjament fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta. Il-livell ta’ fuq tal-funtana ġie rrestawrat riċentement, u f’din il-parti tal-ġnien bħalissa qed jitħawlu pjanti li jifilħu għan-nixfa li joriġinaw minn reġjuni bijoġeografiċi differenti tad-dinja. L-għan huwa li dan il-livell tal-ġnien jiġi kkonvertit fi ġnien xott. Il-viżitaturi għalhekk ikunu jistgħu jitgħallmu dwar pjanti li huma adattati għal ambjenti xotti, bħas-savani u d-deżerti, u jitgħallmu dwar l-istrateġiji li jużaw dawn il-pjanti biex jgħixu f’kundizzjonijiet estremi bħal dawn. Il-pjanti għandhom jinkludu siġar, għadd ta’ kakti u sukkulenti, arbuxxelli, pjanti perenni u tal-basal. Kompli Aqra

Il-Ġnien ta’ Sa Maison u l-Ġnien Tal-Milorda huma ġonna konnessi. L-ewwel wieħed ħa ismu mis-sur li nbena fuqu, is-Sur ta’ Sa Maison. Tal-aħħar hu msemmi għal Lady Julia Lockwood, li bdiet tikri d-dar u l-ġnien kull sena fl-1842.

Iż-żewġ ġonna għandhom karatteristiċi interessanti, bħall-Gardjola (vedetta) li tinsab fil-quċċata tal-Ġnien tal-Milorda, u veduti tal-Port ta’ Marsamxett u l-yacht marina ta’ Ta’ Xbiex.

Il-ġonna fihom ukoll għadd ta’ siġar maturi, fosthom speċijiet interessanti, bħal Meryta spp., li tinsab fid-daħla għall-ġonna. Fid-dawl ta’ kundizzjonijiet ambjentali differenti taż-żewġ ġonna, wieħed għad-dell u protett u l-ieħor espost u kostali, fiż-żewġ ġonna għandhom jitħawlu speċijiet differenti ta’ pjanti biex jinħolqu ġnien għad-dell u ġnien kostali. Se jsir restawr estensiv taż-żewġ ġonna biex jiġu rrestawrati l-mogħdijiet, il-ħitan tas-swar u d-diversi funtani u bjar li jinsabu fil-ġonna. It-tħawwil għandu jibda wara li titlesta l-fażi tar-restawr. Ladarba jitlesta, il-viżitaturi għandhom ikunu jistgħu jitgħallmu dwar l-ispeċijiet ta’ pjanti li huma adatti għal kundizzjonijiet ta’ dell u għal ambjenti kostali. Kompli Aqra

Il-pinetum huwa spazju aħdar kbir imħawwel fuq dak li xi darba kien glacis militari u bħalissa fih siġar tal-arżnu. Din iż-żona għandha tiġi kkonservata kif inhi. Madankollu, għandhom jitħawlu speċijiet ta’ siġar oħrajn biex jinħoloq ġnien masġar aktar varjat. L-ispazji rikreattivi se jippermettu lill-viżitaturi jistrieħu u jgawdu l-paċi tal-madwar, filwaqt li japprezzaw atmosfera ta’ masġar. Kompli Aqra

AQRA DWAR IS-SERVIZZ TA’ EĊĊELLENZA U L-IMPENN TAGĦNA LEJK BILLI TIKKLIKJA HAWN